Il-Liġi Spazjali: Il-passat, il-preżent u l-futur

In this article, Eliza Borg Rizzo reviews the development of international space law and analyses its shortcomings, pointing out lacunae and points for future improvement. The rest of the article can be found in Id-Dritt XXIX.

Eliza Borg RIzzo, ‘Il-Liġi Spazjali: Il-passat, il-preżent u l-futur’ (Online Law Journal, 28 March 2021).

Download Full PDF Version

  1. Daħla

1.1 L-Istorja

Il-miti u l-leġġendi ta’ diversi kulturi fl-istorja tal-bniedem juruna kif l-ispazju kien minn dejjem punt ta’ interess għalina l-bnedmin. Ħafna minn dawn l-istejjer iddeskrivew vjaġġi lejn korpi ċelestjali u l effett ta’ tali korpi fuq il-benessere tal-umanita.

Il-pjaneti kienu minn dejjem jintużaw bħala mezz ta’ navigazzjoni għall-baħħara, u għadhom sal-ġurnata tal-lum jintużaw għannavigazzjoni permezz tas-sistema tal-‘Global Navigation Satellite System’.

Fis-seklu sittax, Nikolaus Copernicus wera provi li fil-verita d-dinja tagħna ma kinitx fiċ-ċentru tal-univers, u wera wkoll irrelazzjoni importanti bejn id-dinja tagħna u l-qamar. L-istudju tiegħu serva bħala bażi sabiex xjentisti u matematiċi oħra setgħu jkomplu jiżviluppaw l-għarfien dwar l-ispazju.

Isaac Newton u r-riċerka tiegħu dwar l-effetti tal-gravita fuq oġġetti fl-orbita, u Johann Kepler u l-istudju tiegħu dwar it-teoriji matematiċi li jiggvernaw tali korpi fl-orbita, servew bħala l-bażi tal-ivvjaġġar talbniedem lejn l-ispazju. Ir-referenza lejn dawn l-istudji għadu jsir salġurnata tal-lum.

Mingħajr dawn l-iskoperti xjentifiċi ma jkunu saru l-ebda żviluppi legali f’dan il-qasam tal-liġi internazzjonali. L-iżvilupp tal-liġi spazjali sar in linea mal-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku. Wieħed irid ukoll jinnota li apparti mix-xjenza, l-aspett militari kellu wkoll ħafna x’jaqsam mal-iżviluppi tal-liġi internazzjonali tal-ispazju.

1.2 It-Tieni Gwerra Dinjija

Ir-rocket V-2 (Vergeltungswaffe 2) tal-armata Ġermaniża waqt it-tieni gwerra dinjija kien l-iktar żvilupp militari importanti għallqasam tal-liġi internazzjonali tal-ispazju. Avolja r-rocket V-2 kellu valur militari limitat ħafna, huwa sar magħruf bħala l-ewwel strument spazzjali vijabbli fil-qasam tar-rocket science.[1]

L-avvanzi tar-rocket science u l-iżviluppi tal-avjazzjoni internazzjonali flimkien qajmu tħassib dwar ir-regolazzjoni talavjazzjoni u tal-arja. B’hekk din it-tema ġibdet l-attenzjoni ta’ uffiċjali tal-gvern u kmandanti militari u kif ukoll tal-akkademiċi u l-avukati.

1.3 L-iSpace Race

Meta ntemmet it-tieni gwerra dinjija, numru ta’ xjentisti Ġermaniżi flimkien ma’ ħafna mit-teknoloġija tagħhom ġew maqbuda mill-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (URSS) u mill-Istati Uniti (IU). Dan kollu wassal għall-iSpace Race[2]. L-iSpace Race (1957-1975) bdiet oriġinarjament minħabba fl-iżvilupp tal-missili u saret tissimbolizza l-kompetizzjoni bejn l-URSS u l-IU għad-dominanza talispazju waqt il-Cold War. Dan kien għalihom simbolu tan-neċessita tas-sigurta soċjali u kif ukoll simbolu ta’ prestiġju.

L-iSpace Race tat lok għal sforzi pijuniera għat-tnedija ta’ satelliti artifiċjali u għall-vjaġġ tal-bniedem madwar id-dinja u lejn il-qamar. Eżempju ċar tal-influwenza tal-iSpace Race huwa t-tmexxija talproġett tal-URSS li nieda lil Sputnik I sabiex l-Unjoni tkun tista’ teduka ruħha dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-atmosfera. Dan il-proġett biddel il-ħolma tal-esplorazzjoni spazjali f’realta.[3] Għaddew biss erba’ snin minn din it-tnedija sakemm Yuri Gagarin akkwista t-titlu tiegħu bħala l-ewwel bniedem li orbita d-dinja fl-ispazju. Ftit wara, il-bniedem rifes fuq il-qamar għall-ewwel darba.[4]

Mil-lat tal-liġi internazzjonali tal-ispazju Sputnik I kellu rwol importanti ħafna x’jilgħab peress li dan il-proġett ġibed l-attenzjoni internazzjonali ta’ akkademiċi u avukati mid-dinja kollha u kif ukoll tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma hija n-Nazzjonijiet Uniti (NU). Di fatti l-Istati Uniti ħeġġew lin-NU sabiex tassigura li l-esplorazzjoni tal-ispazju jsir biss b’għan paċifiku u mhux b’wieħed militari.[5] Kien di fatti eżatt wara t-tnedija ta’ Sputnik I li n-NU ħarġet bir-Reżoluzzjoni 1148 (XII) tal-erbatax ta’ Novembru tas-sena elf disa’ mija sebgħa u disgħin.[6]

Dan iż-żmien ta’ rivalità laħaq il-quċċata tiegħu mal-Proġett tat-Test Apollo-Soyuz fix-xahar ta’ Lulju tas-sena elf disa’ mija ħamsa u sebgħin. Avolja tali proġett taffa naqra mir-rivalità bejn iż-żewġ nazzjonijiet, l-iSpace Race baqgħet simbolu tal-Cold War u, fl-istess ħin, taż-żmien li fih sar l-akbar avvanz fl-iżvilupp tax-xjenza spazjali u konkorrenti tal-liġi internazzjonali tal-ispazju.[7]

2. L-Iżvilupp tal-Liġi Internazzjonali dwar l-Ispazju

2.1 Il-Bżonn ta’ Liġi Universali

Nonostante l-eventwali paċifikazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi, l-esperjenza tal-iSpace Race flimkien mal-konkorrenti avvanz tal-bniedem fix-xjenza qajmu ħafna diskussjonijiet dwar il-bżonn ta’ sistema kompleta u indipendenti legali mfassla speċifikament għall-bżonnijiet tax-xjenza u l-użu inġenerali tal-ispazju.

L-għan aħħari kien li jintlaħaq bilanċ bejn l-avvanzi xjentifiċi u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ispazju bħala riżorsi erga omnes.

2.2 Il-Wirt Komuni tal-Umanità, l-Interessi Komuni u t-TerritorjalitàIl

2.2.1 Wirt Komuni tal-Umanità u l-Interessi Komuni

Wieħed ma jistax jitkellem dwar ir-riżorsi erga omnes u l-protezzjoni ta’ tali riżorsi mingħajr ma jaħseb fil-liġijiet internazzjonali marittimi u speċifikament fil-United Nations Convention on the Law of the Sea (UNCLOS). Arvid Pardo, il-protagonista ta’ dan il-progress legali, qiegħed lil Malta fil-qalba tal-qasam tal-liġi internazzjonali.

Fis-sbatax ta’ Awwissu tas-sena elf disa’ mija sebgħa u disgħin, Malta mmexxija minn Dr Arvid Pardo, resqet quddiem in-Nazzjonijiet Uniti bi proposta li wasslet għall-adozzjoni tal-UNCLOS fis-sena elf disa’ mija tnejn u disgħin. Għal din ir-raguni, Malta hija kkunsidrata bħala l-pijuniera tal-UNCLOS u dak kollu li ġie żviluppat fil-futur filqasam tal-liġi marittima minħabba fiha. [8]

Di fatti, id-duttrina tal-wirt komuni tal-umanita twieldet permezz tal-UNCLOS, hekk sabiex l-art ta’ taħt il-baħar u s-sub-ħamrija tiegħu jibdew jintużaw għal skopijiet paċifiċi u għall-benefiċċju tal-umanità kollha.

Il-liġi internazzjonali marittima u dik dwar l-ispazju kellhom ħafna influwenzi komuni waqt l-iżvilupp tagħhom. Kien hemm minn dejjem it-tendenza illi l-liġi tal-baħar u tal-avjazzjoni jiġu applikati għall-iżvilupp tal-liġi spazjali. Per tali applikazzjoni tista’ biss issir limitatament għaliex l-ispazju huwa qasam partikulari wisq sabiex wieħed jaqbad japplika qasam ta’ liġi oħra in toto. Emile Laude kienet waħda min-nies li saħqet illi hemm bżonn ta’ liġi speċjali sabiex jiġi rregolat dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ispazju.[9]

Nonostante dan, bħal mhuwa wkoll il-każ tal-ibħra internazzjonali u tar-riżorsi tal-qiegħ tal-baħar, dak kollu li jista’ jiġi sfruttat mill-ispazju huwa ta’ kull bniedem irrispettivament min-nazzjonalita tiegħu jew tagħha. Però, importanti li wieħed jinnota illi preżentament il-prinċipju tal-wirt komuni tal-umanità japplika biss għall-qamar u għall-iġsma ċelestjali oħra[10], waqt li l-kunċett tal-interess komuni japplika għall-ispazju in ġenerali.[11] Dan ifisser illi żewġ sistemi legali differenti jeżistu konkorrentament fil-liġi tal-ispazju. Din issitwazzjoni legali tħalli lok għall-konfużjoni.

2.2.2 Il-Kunċett Territorjali

Il-ġurist Ġermaniż Lassa Francis Lawrence Oppenheim huwa magħruf bħala wieħed mill-missirijiet tad-dixxiplina moderna tal-liġi internazzjonali. Huwa qal li ‘a State without a territory is not possible’. Dan ma jfissirx li t-territorjalità hija element neċessarja fil-liġi internazzjonali, iżda biss li pajjiż ma jistax ikun pajjiż mingħajr it-territorju tiegħu.[12]

Għal żmien twil l-akkwist tat-territorju kien wieħed mill-iktar oqsma kkontestati fil-liġi internazzjonali. Il-kunċett tat-territorjalità nbidel ħafna miż-żminijiet medjevali u l-kunċett tal-ius gentium. Oppenheim qal li, ‘when Grotius laid the foundations of modern international law, state territory was still, as in the Middle Ages, more or less identified with the private property of the monarch of the state’.[13]

Qabel kienu jużaw il-kunċetti tal-Liġi Rumana għall-akkwiżizzjoni ta’ kull tip ta’ territorju, kemm privat u kemm fl-isfera internazzjonali. Nonostante l-fatt li żammejna ħafna mit-terminoloġija tal-Liġi Rumana, illum il-ġurnata għall-akkwiżizzjoni tat-territorju fil-liġi internazzjonali japplikaw regoli differenti ħafna minn dawk li jinsabu fil-liġi Rumana u fil-liġi privata. Pereżempju, il-liġi internazzjonali moderna ma tiddistingwix bejn l-akkwiżizzjoni ta’ territorju u l-akkwiżizzjoni tas-sovranita.[14] Fil-passat, il-monarka setgħet taqbad titrasferixxi l-art lill-monarka ieħor (patrimonium). Eżempju ieħor huwa kif illum il-ġurnata t-territorju ta’ pajjiż ma jistax jiġi akkwistat permezz taż-żwieġ.[15]

Jekk wieħed jikkunsidra l-problemi riċenti dwar it-territorji tal-Artiku u l-Antartiku u l-pretensjonijiet territorjali fuqhom, flimkien mal-problemi li affaċjajna waqt id-delimitazzjoni tal-konfini territorjali fuq il-baħar u dak kollu li jgħix go fih ‘il fuq minn qiegħ il-baħar, wieħed jifhem kif din l-esperjenza qajmet ċertu tħassib dwar it-territorju tal-ispazju u tar-riżorsi kollha tiegħu waqt l-iżvilupp inizjali tal-liġi internazzjonali spazjali. Dan it-tħassib għadu jikkonċernana sal-lum.


References:
[1] Wolff M. J. ‘Peaceful uses’ of outer space has permitted its militarization: does it also mean its weaponization?, 2003, p.4.
[2] Ibid. 2, p. 7.
[3] Ibid. 2, pg. 3.
[4] Ibid. 1, pg. 6.
[5] Christol Q. C., The modern international law of outer space, 1982, p. 13.
[6] Ibid. 1, pg. 6.
[7] Lee R., Reconciling International Space Law with the commercial realities of the 21st century, 2000, p.194.
[8] Malta Foreign Affairs, ‘50 Years Since Malta Pioneered UNCLOS’ <https://foreignaffairs.gov.mt/en/Government/Press%20Releases/Pages/50-years-since-Malta-pioneered-UNCLOS.aspx>, 10 ta’ Novembru 2018.
[9] Lyall F., Larsen B.P., Space Law: a Treatise, 2009, p. 5.
[10] Artiklu 11 tal-Moon Agreement.
[11] Artiklu 1 tal-Outer Space Treaty.
[12] L. Oppenheim, International Law. A Treatise, Vol. 1, 8th ed (H. Lauterpacht ed.), London 1955, p. 451
[13] Yehuda Zvi Blum, Historic Titles in International Law (The Hague, Netherlands: Martin Nijhoff, 1965), p. 1.
[14] N. Hill, Claims to Territory in International Law and Relations (1945), p. 143; J.H.W. Verzijl, International Law in Historical Perspective, Part III: State Territory (1970), p. 298-325.
[15] H. Lauterpacht, Private Law Sources and Analoġies of International Law (1927), vii, p. 37, 91.